Profil
Dr. Francis Zammit Dimech, LL.D., M.A., M.P.
President tal-Kumitat tal-Leġislazzjoni fil-Parlament ta’ Malta. Huwa wkoll membru tal-Kumitat Magħżul tal-Kamra li inħatar biex ikunu konsidrati miżuri għat-tisħiħ tad-demokrazija f’pajjiżna, kif ukoll membru tal-Kumitat għall-Kodifikazzjoni tal-Liġijiet.
Bejn l-2003 u l-2008, Francis Zammit Dimech serva bħala Ministru għat-Turiżmu u l-Kultura fejn assigura li nilħqu l-ogħla numru ta’ turisti li sa dakinhar kien qatt ġie lejn Malta, apparti milli ta spinta kbira lejn l-attivitajiet kulturali f’pajjiżna u ħa ħsieb għat-tisħiħ u tkabbir tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta.
Dr. Francis Zammit Dimech twieled fit-23 ta’ Ottubru, 1954. Hu ħa l-edukazzjoni tiegħu fil-Kulleġġ San Alwiġi u fl-Universita’ ta’ Malta. Fl-1969 waqqaf l-organizazzjoni volontarja taż-żgħażagħ: it-Teens and Twenties Talent Trust. Mill-Universita’ hu ggradwa bħala Avukat fl-1979 u ggradwa Master of Arts fis-Servizzi Finanzjarji fl-1999. Bħalissa beda kora fl-MBA ma’ Henley, l-Unversita’ ta’ Reading. Fl-Universita’ ta’ Malta kien President tal-Kunsill Rappreżentattiv ta’ l-Istudenti bejn l-1978 u l-1979.
Dr. Francis Zammit Dimech kkontesta l-Elezzjonijiet Ġenerali għall-ewwel darba fl-interessi tal-Partit Nazzjonalista fl-1981 u kien elett President tal-Moviment Żgħażagħ tal-Partit Nazzjonalista (M.Ż.P.N.) fl-1985. Mill-1981 sal-1983 kien ukoll Viċi President tad-Democratic Youth Community of Europe. Dr. Francis Zammit Dimech kien elett fil-Parlament fl-1987 mid-Disa’ Distrett. Fl-1992 kien elett mill-ġdid għall-Parlament mill-Għaxar Distrett. Bejn l-1987 u l-1992 kien membru tad-Delegazzjoni Parlamentari Maltija għall-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill ta’ l-Ewropa. Kien elett mill-ġdid għall-Parlament fl-1996, fl-1998,fl-2003 u fl-2008. Fl-1999 Dr Francis Zammit Dimech kien elett President tal-Bureau tal-Partijiet Kontrattwali tal-Konvenzjoni ta’ Barċellona.
Dr. Francis Zammit Dimech ippubblika diversi xogħlijiet, fosthom ‘Poll of ‘76’ fl-1980 u ‘The Untruth Game’ fl-1986, ‘Il-Logħba tal-Qerq’ fl-1987 u kien ko-awtur ta’ ‘Eddie l-Għażla tal-Poplu’.
Dr Francis Zammit Dimech inħatar Segretarju tat-Trasport u Komunikazzjoni fl-1990. Wara li ġie ri-elett fl-1992, Dr Zammit Dimech inħatar Ministru għat-Trasport u Komunikazzjoni. F’Marzu 1994 inħatar Ministru għall-Ambjent. Wara r-rebħa tal-Partit Nazzjonalista fl-Elezzjoni Ġenerali ta’ Settembru 1998, Dr Francis Zammit Dimech inħatar mill-ġdid Ministru tal-Ambjent. Fl-2002 Dr. Francis Zammit Dimech inħatar Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura. Wara li ġie ri-elett f’April 2003 Dr Francis Zammit Dimech inħatar Ministru tat-Turiżmu. Fit-23 ta’ Marzu, 2004, wara li Dr Lawrence Gonzi ingħata l-ġurament ta’ Prim Ministru ħatar Kabinett ġdid tal-Ministri li fih Francis Zammit Dimech ingħata d-dekasteru tat-Turiżmu u l-Kultura.