Fzd-logo
 
Reception
 
 

Dr. Francis Zammit Dimech, LL.D., M.A.

Ministru għat-Turiżmu u l-Kultura Bħala Ministru għat-Turiżmu u l-Kultura, Dr Francis Zammit Dimech hu responsabbli mit-Turiżmu, Kultura u Arti, Wirt Kulturali, Teatri u Ċentru tal-Mediterran għall-Konferenzi, u l-Orkestra Nazzjonali.

Dr. Francis Zammit Dimech twieled fit-23 ta’ Ottubru, 1954. Hu ħa l-edukazzjoni tiegħu fil-Kulleġġ San Alwiġi u fl-Universita’ ta’ Malta. Fl-1969 waqqaf l-organizazzjoni volontarja taż-żgħażagħ: it-Teens and Twenties Talent Trust. Mill-Universita’ hu ggradwa bħala Avukat fl-1979 u ggradwa Master of Arts fis-Servizzi Finanzjarji fl-1999. Fl-Universita’ kien President tal-Kunsill Rappreżentattiv ta’ l-Istudenti bejn l-1978 u l-1979.

Dr. Francis Zammit Dimech kkontesta l-Elezzjonijiet Ġenerali għall-ewwel darba fl-interessi tal-Partit Nazzjonalista fl-1981 u kien elett President tal-Moviment Żgħażagħ tal-Partit Nazzjonalista (M.Ż.P.N.) fl-1985. Mill-1981 sal-1983 kien ukoll Viċi President tad-Democratic Youth Community of Europe. Dr. Francis Zammit Dimech kien elett fil-Parlament fl-1987 mid-Disa’ Distrett. Fl-1992 kien elett mill-ġdid għall-Parlament mill-Għaxar Distrett. Bejn l-1987 u l-1992 kien membru tad-Delegazzjoni Parlamentari Maltija għall-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill ta’ l-Ewropa. Kien elett mill-ġdid għall-Parlament fl-1996, fl-1998 u fl-2003. Fl-1999 Dr Francis Zammit Dimech kien elett President tal-Bureau tal-Partijiet Kontrattwali tal-Konvenzjoni ta’ Barċellona.

Dr. Francis Zammit Dimech ippubblika diversi xogħlijiet, fosthom ‘Poll of ‘76’ fl-1980 u ‘The Untruth Game’ fl-1986, ‘Il-Logħba tal-Qerq’ fl-1987 u kien ko-awtur ta’ ‘Eddie l-Għażla tal-Poplu’.

Dr Francis Zammit Dimech inħatar Segretarju tat-Trasport u Komunikazzjoni fl-1990. Wara li ġie ri-elett fl-1992, Dr Zammit Dimech inħatar Ministru għat-Trasport u Komunikazzjoni. F’Marzu 1994 inħatar Ministru għall-Ambjent. Wara r-rebħa tal-Partit Nazzjonalista fl-Elezzjoni Ġenerali ta’ Settembru 1998, Dr Francis Zammit Dimech inħatar mill-ġdid Ministru ta’ l-Ambjent. Fl-2002 Dr. Francis Zammit Dimech inħatar Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura. Wara li ġie ri-elett f’April 2003 Dr Francis Zammit Dimech inħatar Ministru tat-Turiżmu.

Fit-23 ta’ Marzu, 2004, wara li Dr Lawrence Gonzi ingħata l-ġurament ta’ Prim Ministru ħatar Kabinett ġdid tal-Ministri li fih Francis Zammit Dimech ingħata d-dekasteru tat-Turiżmu u l-Kultura.